Patri Alfons Żammit
Toninu,
hekk kien jismu Patri Fonz qabel daħal patri, twieled iż-Żejtun
fl-1 ta' Ġunju 1899 minn Lorenzo u Ġużeppa, u studja
fis-seminarju l-Furjana. Qabel ma daħal
reliġjuż karmelitan kien jattendi d-Domus Sagra Familja taż-Żejtun
flimkien ma Patri Wistin Caruana, karmelitan, u 'l quddiem anke kappillan,wara
Patri Fonz, tal-Parroċċa ta' Santa Venera.
It-tnejn kienu jħejju t-tfal għall-preċett u l-Griżma
ta' l-Isqof fiż-Żejtun. Kienu
l-ewwel żewġ żwieten, membri tad-Domus Sagra Familja li kienu
saru reliġjużi.
Ta' 18-il sena, nhar is-16 ta' Ottubru 1917, Patri Fonz issieħeb fl-Ordni Karmelitan u wara sena novizzjat, fl-24 ta'Ottubru 1918 ipprofessa sempliċi il-voti reliġjużi. Huwa mbagħad intbagħat Ruma fejn għamel il-kors tal-filosofija u meta ġie lura Malta għamel il-kors tat-teologija fl-Universita ta' Malta waqt li pprofessa solenni il-voti reliġjużi nhar 1 ta' Novembru 1921. Fis-sena mqaddsa ta' l-1925, sewwa sew fid-19 ta' Diċembru, Patri Fonz ġie ordnat saċerdot mill-Isqof Mauro Caruana fil-Katidral ta' l-Imdina. Matul il-ħajja tiegħu saċerdotali, okkupa diversi karigi. Fl-1935 huwa laħaq pirjol u kappillan tal-Parroċċa ta' Santa Venera, uffiċċju li dam jokkupa għal 11-il sena li matulhom irnexxielu jakkwista dar kbira li fiha ġabar iċ-ċentru parrokkjali ( ix-Chateau Lonz) li għal bosta żmien kien jintuża wkoll bħala l-iskola ta' Mount Carmel. Matul iż-żmien, l-istess Chateau Lonz, parti minnu kienet isservi ta' kappella wkoll għax minħabba li l-parroċċa bdiet tikber bil-minuti, inħasset il-ħtieġa li sakemm tinbena l-knisja l-ġdida jkun hemm post akbar li jesa' aktar nies għal ċertu funzjonijiet bħal precett u l-griżma, peress li l-knisja parrokkjali kienet saret żgħira wisq. Huwa rnexxielu jakkwista għalqa kbira fejn illum hemm l-knisja l-ġdida.
Patri Fonz, bl-istess
ħsieb, irnexxielu jakkwista wkoll għalqa oħra fi Fleur de Lys
fejn fl-14 ta' Jannar 1945 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja li llum
saret parroċċa taħt it-titlu tal-Madonna tal-Karmelu.
Fl-1948 waqt li kien jieħu ħsieb id-dar li nbiet ma din
il-knisja, Patri Fonz ġie magħżul Segretarju tal-Provincjal
il-Wisq Rev. Patri Bernard Farrugia O. Carm., kariga li kellu jħalli wara
sena biex hekk sar l-ewwel pirjol tal-komunita ta' Fleur de Lys.
Huwa għamel disa' snin bħala definitur.
Matul dan iż-żmien Patri Fonz ma naqasx li jagħmel ukoll
ħidma pastorali bħalma huma priedki, fosthom kors ta' eżerċizzji
f'Tuneż fl-1935 u qrar f'bosta kunventi tas-sorijiet.
Patri Fonz, wara kien jagħmel parti mill-parroċċa tal-Balluta.
L-aħħar żmien ta' ħajtu għaddiehom
fid-Dar tal-Kleru fi Fleur de Lys fejn ħalla dan il-wied ta' dmugħ
fit-13 ta' Mejju 1997 fl-eta venerabbli ta' 98 sena.